Malta maqsuma fuq l-ewtanasja – ċertu nħawi favur iktar minn oħrajn

40% tal-Maltin huma kontra l-introduzzjoni tal-ewtanasja f’Malta, filwaqt li 35% huma favur. Dan ħareġ minn studju xjentifiku tal-istatistiku Dr Vincent Marmara kkummisjonat mill-programm ta’ TVM Popolin.

Apparti d-differenza minima ta’ 5% bejn il-kamp tal-favur u l-iva kwart qalu li jinsabu indeċiżi, rappreżentanti tal-kamp favur u l-kamp kontra għandhom ikomplu jżommu ħajja diskussjoni biex kulħadd ikun jista’ jifforma opinjoni aħjar dwar x’deċiżjoni għandha tittieħed f’dan ir-rigward.

F’Malta il-liġi hija ċara – l-ewtanasja u s-suwiċidju assitit huma illegali. Minkejja dan, stħarriġ li sar mill-istatistiku Dr Vincent Marmara għall-programm POPOLIN li jixxandar fuq TVM, juri li ma tantx hemm x’jifred bejn dawk favur u dawk ta’ kontra l-introduzzjoni ta’ din il-prattika li ttemm ħajjet persuna sabiex twaqqaf l-uġigħ u t-tbatija.

Għalkemm 40% wieġbu li huma kontra l-introduzzjoni ta’ din il-prattika u 35% wieġbu favur, kwart esprimew l-inċertezza tagħhom dwar din il-kwistjoni. F’ħarsa lejn id-demografiċi, l-aktar favur kienu dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena, b’dawk ta’ l fuq minn 66 sena b’pożizzjoni kontra. L-Għawdxin huma l-aktar kontra l-ewtanasja waqt li residenti fit-Tramuntana u fin-naħa t’isfel tal-Port huma fost l-aktar favur.

Il-maġġoranza ta’ dawk li qalu li ma jaqblux semmew l-argument li Alla biss għandu s-setgħa li jiddeċidi meta tasal l-aħħar ġurnata tal-mewt, waqt li l-parti l-kbira ta’ dawk favur qalu li jekk il-persuna qed tbati għanda dritt tagħżel hi x’tagħmel. Intant dak il-25% li wieġbu ‘ma nafx’ qalu li jiddependi mill-każ.

Intervistata fil-programm POPOLIN, Sam Pearson, li f’żogħżita mardet bil-Huntington’s u qed tikkampanja favur l-ewtanasja, qalet li l-mard qatt mhu se jgħib minn wiċċ id-dinja u għalhekk tippreferri tgħix ftit snin bi kwalita ta’ ħajja tajba milli għexirien ta’ snin f’agunija.

“Irridu nevalwaw x’tip ta’ kwalità l-persuna qed tgħix. Trid tikkunsidra li meta qed tgħid persuna tibqa’ tiġġilied mal-marda trid tikkunsidra x’tip ta’ ħajja qed tgħix mhux kulħadd se jkollu kwalita ta’ ħajja tajba u jien nixtieq li minn mindu twelidt sa kemm immut ikolli kwalità ta’ ħajja tajba.”

Minn naħa l-oħra ċ-Chairperson ta’ Life Network Foundation Dr Miriam Sciberras qalet li d-diskussjoni ma tistax tiffoka fuq xi jħoss l-individwu. “Hemm nies f’dan id-dibattitu li l-iktar se tolqothom li m’għandhomx vuċi fosthom nies bid-dimensja, nies bid-depression u nies b’diżabbiltà l-iktar nies anzjani li jibżgħu min dawn il-liġijiet għax f’pajjiżi oħra lilhom affetwaw ħażin.”

L-ewtanasja sabet postha fuq l-aġenda nazzjonali wara li l-ġimgħa l-oħra fil-programm Insights ta’ TVM, mistoqsi dwar l-introduzzjoni ta’ din il-liġi f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li għadu ma ffurmax opinjoni iżda hu tal-fehma li dan huwa suġġett li jimmerita diskussjoni wara snin twal titpoġġa taħt it-tapit.

Source: tvm.com.mt

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet