Il-Maġġoranza tal-Maltin huma kuntenti u 87% ma xtaqux li twieldu f’pajjiż ieħor

Aktar minn 60% tal-Maltin li pparteċipaw fl-Istat tan-Nazzjon huma kuntenti bil-ħajja li għandhom, bil-maġġoranza assoluta ta’ żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena jgħidu wkoll li huma kuntenti.

Dan ħareġ minn l-ewwel stħarriġ xjentifiku dwar l-Istat tan-Nazzjon li sar mill-istatistiku Vincent Marmarà, li l-ewwel riżultati tiegħu tħabbru l-Ġimgħa waqt konferenza nazzjonali organizzata mill-Uffiċċju tal-President dwar l-evoluzzjoni tal-identità Maltija. L-istħarriġ tratta fost l-oħrajn ir-reliġjon, il-kultura, l-impjieg u l-għażliet li aħna nagħmlu ta’ kuljum.

Aktar minn nofs ta’ dawk li rrispondew għall-istħarriġ qalu li jħossuhom li jagħmlu parti minn Malta kollha, u 34.5% aktar iħossuhom parti mill-komunità tagħhom fil-belt jew raħal fejn jgħixu. 11.2% tan-nies iqisu li huma parti mill-Ewropa kollha.

Il-maġġoranza tal-Maltin, preċiżament 87.1%, ma jixtiequx li kieku twieldu f’post ieħor, iżda 6.3% li qalu li jixtiequ li kieku twieldu f’post ieħor.

82% tal-parteċipanti qalu wkoll li jħarsu lejn il-Malti bħala l-lingwa prinċipali, imqabbel mal-1.3% minnhom li jemmnu li l-Ingliż hu l-lingwa prinċipali. 16.7% tal-parteċipanti qalu li jikkunsidraw liż-żewġ lingwi bħala prinċipali.

82.6% qalu li l-familja jidher li hi s-sors li jfittxu biex jieħdu deċiżjonijiet importanti f’ħajjithom. Minkejja dan l-istħarriġ wera ċar ukoll li ħafna mid-deċiżjonijet kruċjali jeħodhom l-individwu waħdu. Dawk li għandhom bejn is-16 u l-25 sena huma l-aktar li jagħmlu dan.

Mistoqsija dwar kemm jemmnu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa sew, 62.4% jemmnu li dan isir, u aktar minn 35% jemmnu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa aħjar. Fost dawn hemm 66% li huma ħaddiema. Fl-istess ħin, 75.8% tal-parteċipanti qalu li l-livell tal-għajxien tagħhom hu daqs il-medja, u 19.2% jemmnu li hu ogħla mill-medja.

Fil-preżentazzjoni ta’ dawn ir-riżultari, Dr Marmarà qal li dan kollu hu mmirat biex il-qalb, il-moħħ, u r-ruħ tal-poplu kollu jinftiehemu aħjar.

Source: one.com.mt

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet