Il-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti jemmnu li l-istazzjonijiet politiċi għandhom jibqgħu jxandru l-bulettini tal-aħbarjiet tagħhom. Waqt li 84.1% wieġbu li dawn għandhom jibqgħu jsiru, 15.9% qalu li dawn għandhom jitneħħew. Intant, kważi 6 minn kull għaxra (58.0%) jgħidu li jsegwu l-aħbarjiet kuljum.
Dan irriżulta minn stħarriġ li għamel l-istatistiku Dott. Vincent Marmarà bir-riżultati ta’ dan l-istudju tħabbru waqt il-bidu ta’ konsultazzjoni dwar il-valur tal-komunikazzjoni fis-soċjetà, imtellgħa mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’kollaborazzjoni tal-Bord tal-Litteriżmu tal-Midja.
L-istudju juri wkoll li t-televiżjoni huwa (51.4%) l-iktar mezz li jintuża biex wieħed isegwi l-aħbarjiet. Isegwi warajh huma l-mowbajl (41.4%), il-kompjuter (3.6%), ir-radju (2.4%) u l-gazzetta (1.2%). L-iktar żewġ faxex ta’ nies li jsegwu l-aħbarjiet minn fuq il-mowbajl huma dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena u ta’ bejn is-26 u l-35 sena. Dawk ta’ ’l fuq minn 56 sena jużaw it-televiżjoni biex isegwu l-aħbarjiet.
Ftit inqas minn nofs tal-parteċipanti (47.4%) wieġbu li jfittxu sors wieħed dwar l-istess aħbar. 32.5% qalu li jfittxu fuq żewġ sorsi għall-istess aħbar u wieħed minn kull ħamsa (20.1%) jfittxu fuq tlieta jew aktar, dwar l-istess aħbar.
L-istħarriġ sar fost 600 persuna ta’ ’l fuq minn 16-il sena, b’confidence level ta’ 95% u margin of error ta’ +/-4%. Il-kampjun kien rappreżentattiv u jirrifletti d-demografija tal-pajjiż skont l-età, is-sess u d-distrett. It-tagħrif kien miġbur matul Ottubru tas-sena li għaddiet.
Source: talk.mt