Survey: 55.9% PL; 42.8% PN; 1.3% Partiti Oħrajn
Ninsabu jumejn biss ’il bogħod mill-Elezzjoni Ġenerali. L-aħħar survey xjentifiku għal din il-kampanja elettorali qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 13.1 fil-mija favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mill-ħames stħarriġ ippubblikat mill-Orizzont (l-ewwel erbgħa ppubblikati fit-Torċa tal-aħħar erba’ ġimgħat) f’din il-kampanja elettorali u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà.
Dott. Marmarà qal li jekk wieħed jikkunsidra turnout ta’ 88 fil-mija kif ukoll il-voti validi minn dawk mitfugħa fl-elezzjoni ġenerali, dan ir-riżultat ipoġġi d-distakk ta’ madwar 39,000 vot favur il-Partit Laburista. Huwa spjega li dan ir-riżultat huwa dipendenti mit-turn out u li dan in-numru jista’ jvarja skont kemm imorru jivvutaw nies
Meta mistoqsija lil liema partit ser jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, 55.9% wieġbu Partit Laburista, waqt li 42.8% qalu li ser jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.3% tal-elettorat. Dan l-istħarriġ sar bejn it-18 ta’ Marzu u t-23 ta’ Marzu, b’kampjun ta’ 1,800 persuna, b’margin of error ta’ +/- 2.3%. Dott. Marmarà spjega li dan huwa kampjun ieħor awtentiku minn dak li saru fl-aħħar erba’ surveys preċedenti u jkomplu juru xejriet konsistenti tas-sitwazzjoni politika f’pajjżna. Huwa spjega li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirriflettu li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ.
Source: talk.mt