77% tal-Maltin huma kuntenti b’ħajjithom – żieda ta’ 17% fost dawk intervistati fi stħarriġ riċenti li sar minn Dr Vincent Marmarà. Din is-sena l-istħarriġ juri li kien hawn aktar min wieġeb li s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu hija agħar minn ta’ sena ilu (13.5% fl-2021 vs 28.7% fl-2022), mentri l-maġġoranza tan-nies qalu li ssitwazzjoni finanzjarja tagħhom baqgħet l-istess mqabbla ma’ sena ilu (44.5%).
L-istħarriġ sar kważi xahar wara l-elezzjoni u meta mistoqsija kemm hi importanti l-politika, mit-tweġibiet irriżulta tnaqqis – minn 48.3% is-sena li għaddiet issa l-perċentwal niżel għal 37.9%. Jidher ukoll li qed tonqos ix-xejra li persuna tivvota dejjem lill-istess partit, tant li żied l-ammont ta’ nies minn 17.3% is-sena l-oħra għal 28.4% din is-sena fost dawk li biddlu l-vot minn partit għall-ieħor. Madanakollu 71.6% qalu li fil-passat dejjem ivvutaw lill-istess partit u 45.3% wieġbu li fil-futur mhux jikkunsidraw jivvutaw lil partit differenti.
Mill-istħarriġ joħroġ li 90.5% jemmnu f’Alla. L-iktar importanti fil-kultura Maltija huma l-festi. Jirriżulta wkoll li l-Maltin saru iktar komdi bit-taħlit tal-kulturi fis-soċjeta’. Meta jkollhom problema, il-familja tkun l-ewwel punt ta’ riferiment (59.6% wieġbu dejjem). Il-maġġoranza assoluta 56.5% jħossuhom Maltin, mentri 20.6% iħossuhom Ewropej. 80.5% qalu li ma jixtiequx li twieldu f’pajjiż ieħor, u 81.6% iqisu l-Malti bħala l-lingwa primarja tagħhom.
Ftit inqas minn 20% tan-nies qalu li l-media ma tirrappurtax dak li jinteressa lilhom. L-iktar sors minn fejn jiksbu l-aħbarijiet huwa t-televiżjoni (61%). Il-gwerra fl-Ukrajna tidher li żiedet l-interess fl-aħbarjiet internazzjonali.
L-istħarriġ xjentifiku sar minn Dr Vince Marmara’ fuq kampjun rappreżentattiv ta’ 1,000 persuna minn 16-il sena ‘l fuq bejn it-28 t’April u nofs Mejju.
Is-survey li għamilna fl-2021 kien meta konna fl-eqqel tal-pandemija, kien hemm restrizzjonijiet u konna qabel l-elezzjoni u issa dawn huma fatturi differenti milli konna qabel. Ħareġ biċ-ċar li dawn ir-restrizzjonijiet li l-poplu jinsab iktar kuntent, 17% tal-poplu huwa iktar kunent. Ħareġ biċ-ċar li l-fatt li l-elezzjoni ilha xahrejn li għaddiet, il-poplu qed jagħti inqas importanza lill-politika u l-partiti biex jifformulaw deċiżjonijiet tagħhom.
Vincent Marmara’
Il-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, Lou Bondi, qal li r-riżultati tal-istħarriġ juri bil-fatti fejn sejjer dan in-nazzjon.
Jidher li hawn għatx għal din it-tip ta’ diskussjoni dwar min aħna u li nixtiequ nagħmlu rridu nkabbruha u nwessgħu d-diskussjoni. Meta tispiċċa l-konferenza, is-survey u dak li ntqal hawnhekk, jiġi ppubblikat fi ktieb u minn sena għal sena l-pajjiż se jkollu rekord x’kien jaħseb il-poplu Malti fl-2021 u fl-2022 eċċ.
Lou Bondi
Matul il-ġurnata saru diskussjonijiet bis-sehem ta’ politiċi, opinjonisti, xandara, rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u s-soċjetà ċivili li analizzaw ir-riżultati tal-istħarriġ u esprimew fehemthom dwar l-istat tal-pajjiż fl-ambitu tal-ambjent, ir-reliġjon, il-politika, il-kultura, il-media, l-ekonomija u n-nazzjonaliżmu.
Sors: tvmnews.com.mt