“Sodisfazzjon li l-Maltin għandhom għal qalbhom lil pajjiżhom”

Il-President George Vella fisser il-konferenza nazzjonali l-Istat tan-Nazzjon bħala eżerċizzju li għen mhux ftit biex inkomplu nsiru nafu aktar fuq fejn sejrin bħala poplu. Qal li dan hu dejjem l-ewwel pass li wieħed għandu jieħu biex itejjeb lilu nnifsu. Dr Vella qal li jeħtieġ mekkaniżmu li jintlaħaq kompromess bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq il-ħatra ta’ persuni fit-tmexxija ta’ entitajiet li jeħtieġu l-appoġġ taż-żewġ naħat, fosthom iċ-Chairperson li għandha tinħatar biex tmexxi l-Konvenzjoni Kostituzzjonali li mistennija titlaqqa’ fiż-żmien li ġej.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prim Ministru Robert Abela, mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u mill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, li fost l-oħrajn trattaw l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna fuq pajjiżna, kif ukoll kif għandhom jiġu ndirizzati l-isfidi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.

Għall-President George Vella, huwa ta’ sodisfazzjon li l-Maltin għandhom għal qalbhom lil pajjiżhom u jiddentifikaw ruħhom ma’ dak li hu Malti iżda jitħasseb meta jisma’ li l-Maltin qed iħossu l-piż tal-inflazzjoni.

“Waħda mill-affarijiet li tagħtni gost hu li l-ammont ta’ Maltin li jħossuhom Maltin huwa għoli u jibqa’ għoli, pero’ hemm ħafna wkoll minħabba ċirkostanzi, anki minħabba l-inflazzjoni, hemm numru mhux ħażin li ħassew li l-livell tal-għixien tagħhom din is-sena mqabbel mas-sena l-oħra, nieżel ukoll u dak huwa ta’ tħassib.”

President George Vella

Fl-għeluq tal-konferenza L-Istat tan-Nazzjon, il-President Vella nnota b’sodisfazzjon li għall-Maltin il-familja baqgħet fattur importanti fil-ħajja ta’ kuljum u li l-maġġoranza huma kuntenti aktar mis-sena l-oħra filwaqt li qal ħareġ ċar kemm huma mixtieqin mill-affarijiet kulturali bħal festi tar-raħal li minħabba l-pandemija fl-aħħar sentejn ma sarux.

Qal li mill-istħarriġ ħareġ ukoll li aktar Maltin jassoċjaw ruħhom mal-Ewropa minn sena ilu. Il-President interpreta dan bħala eżempju ċar ta’ kemm l-iżviluppi internazzjonali bħal ma hi l-gwerra fl-Ukrajna żiedu fost il-Maltin, sens ta’ solidarjetà fuq livell reġjonali.

“Illum mhux stand alone, dan huwa survey li nistgħu inqabbluh ma’ tas-sena l-oħra, allura mhux biss tibda minn ċifri, bħas-sena l-oħra kienu l-ewwel darba li ġbarnihom imma issa qed tqabbel fejn mort aħjar u fejn mort agħar.”

President George Vella

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa dmir tal-Gvern li jindirizza t-tħassib tal-poplu, li qal qed jagħmel biex irażżan l-inflazzjoni fost oħrajn b’għajnuna finanzjarja biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu stabbli u qed jagħti sussidji fuq iċ-ċereali, l-qmugħ u l-għalf tal-annimali.

Il-Prim Ministru qal li għalkemm Malta huwa pajjiż newtrali, qed jieħu pożizzjoni b’saħħitha favur il-poplu Ukren li huwa vittma ta’ attakk inġust. Dr Abela qal li minkejja bidliet f’diversi oqsma, għad fadal xi jsir. Fosthom semma r-riforma fil-liġi tal-kannabis u ħabbar li għandha tibda diskussjoni dwar jekk persuni li jkunu wettqu reat sempliċi ta’ droga, mhux kannabis biss, għandux ikollhom opportunità jibdew mill-ġdid mhux jibqgħu mxekklin jekk ikunu għamlu żball darba.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li hu ta’ tħassib li n-nies qed iħossuhom agħar mis-sena l-oħra. Attribwixxa dan fost l-oħrajn għall-għoli tal-ħajja. Qal li l-pandemija għallmet lill-poplu kemm hi mportanti s-saħħa u appella biex il-pajjiż ipoġġi s-saħħa mentali prijorità.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li hu ta’ tħassib li xi wħud jixtiequ li twieldu f’pajjiż ieħor u appella biex il-politiċi jkun onesti u jistaqsu fejn qed ifallu biex xi nies iħossuhom hekk. Dr Grech qal li hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi biex il-poplu jkollu aktar opportunitajiet, ambjent aħjar u pajjiż ġust.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f’messaġġ irrekordjat, qalet li l-istat tan-nazzjon jiddependi fuq ir-riżorsi umani, li huma l-ikbar riżorsa li għandu pajjiżna, u sostniet li għandha ssir enfasi fuq l-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal bit-tagħlim adegwat. Spjegat li l-istat tan-nazzjon jiddependi mill-għażliet u l-bidliet li nagħmlu ta’ kuljum li sostniet għandhom ikunu għaqlin u sewwa għall-ġid t’uliedna.

 

Sors: tvmnews.mt

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet