Stħarriġ dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’, li analizza kif tevolvi l-identità nazzjonali Maltija, sab li l-poplu jħoss li l-politika hija inqas importanti għalih u jikkunsidra inqas l-opinjoni tal-partit politiku qabel ifassal l-opinjoni tiegħu.
L-istħarriġ li sar xahar wara l-elezzjoni ġenerali sab li tnaqqis f’dawk in-nies li qalu li l-politika hija importanti ħafna f’ħajjithom (48.3% fl-2021 vs 37.9% fl-2022). Barra minn hekk, kien hemm aktar nies mis-sena l-oħra li qalu li l-politika ma tinteressahom xejn (12.9% fl-2021 vs 21.9% fl-2022).
L-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà qal li waħda mir-raġunijiet għal din il-bidla hi li għadna kif ħriġna minn elezzjoni ġenerali. Qal li dan jindika li jkun hemm aktar nies li tkun iddejqet tisma’ dwar politika.
L-istħarriġ sab li l-irġiel jagħtu aktar importanza min-nisa lill-politika Maltija (44.0% – irġiel vs 31.9% – nisa). Il-persuni li temmew iż-żwieġ huma l-inqas li jagħtu ħafna importanza lil politika Maltija f’ ħajjithom (32.2%).
Aktar kemm tkun kbira l-età tan-nies, aktar jagħtu importanza lill-politika Maltija f’ ħajjithom. Kważi 40% tal-istudenti li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li huma ma jagħtu l-ebda importanza lill-politika Maltija f’ħajjithom (39.7%).
Il-politika tinfluwenza d-deċiżjonijiet tan-nies?
L-istħarriġ analizza wkoll kemm il-politika tinfluwenza d-deċiżjoni ta’ dak li jkun.
Meta mqabbel mas-sena l-oħra, kienu biss 32.8% tan-nies li qalu li huma jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih. Fl-2021, dan kien jammonta għal 43.9% tan-nies. Filwaqt li 38.3% ta’ dawk li rrispondew qalu li huma ma jiħdux deċiżjoni skont kif jaħsibha l-partit politiku (żieda ta’ kważi disgħa fil-mija meta mqabbel mal-2021).
In-nies li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni huma l-inqas li jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih (21.6%).
Aktar minn 40% ta’ dawk li joqogħdu fil-Punent ta’ Malta jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih (40.4%).
Kif jippreferu jivvotaw il-Maltin?
L-istħarriġ sab li fil-passat, ħafna mill-Maltin dejjem ivvutaw għall-istess partit (71.6%). Huma 28.4% tan-nies li ġieli vvutaw għal partit differenti fil-passat. Meta wieħed iqabel mar-riżultat tas-sena l-oħra, jara li n-nies qed iżommu inqas il-vot mal-istess partit.
In-nies li għandhom livell għoli ta’ edukazzjoni huma l-aktar li ġieli ivvutaw għal partit differenti. 40% tagħhom qalu li ġieli vvutaw għal partit differenti.
Aktar ma tkun għolja t-taxxa fuq id-dħul, aktar ikun hemm ċans li l-persuna tkun ivvutat għal partit differenti fil-passat.
Intant, l-istħarriġ sab ukoll li fil-futur, inqas minn nofs il-Maltin ma jikkunsidrawx li jivvutaw għal partit ieħor (45.3%).
Huma ftit aktar minn tletin fil-mija tan-nies li jikkunsidraw li jivvutaw għal partit differenti fil-futur (32.0%).22.7% qalu li ma jafux (22.7%).
Mill-istħarriġ joħroġ li jekk wieħed iqabbel il-figura mas-sena l-oħra, in-nies qed tappartjeni inqas ma’ partit partikolari.
Il-persuni li mhumiex miżżewġin huma l-aktar li jikkunsidraw li jivvutaw għal partit differenti fil-futur (45.8%).
Żgħażagħ ta’ bejn il-25-35 sena huma l-aktar li jikkunsidraw li jivvutaw għal partit differenti fil-futur (49.2%).
Aktar kemm ikun għoli l-livell ta’ edukazzjoni tan-nies, aktar ikun hemm ċans li jivvutaw għal partit differenti fil-futur.
Aktar kemm tkun għolja t-taxxa fuq id-dħul tan-nies, aktar ikun hemm ċ-ċans li jivvutaw għal partit differenti fil-futur.
In-nies li jgħixu fit-Tramuntana ta’ Malta huma l-aktar li jikkunsidraw li jivvutaw għal partit differenti fil-futur (42.4%).
80% jidentifikaw ruħhom ma’ partit politiku li jaqbel mal-ideat tagħhom
L-istħarriġ sab ukoll li 80% tal-Maltin jidentifikaw ruħhom ma’ partit politiku li jaqbel mal-ideat tagħhom. Filwaqt li 20% tan-nies qalu li huma jiffurmaw l-ideat tagħhom skont il-partit li jidentifikaw ruħhom miegħu. Dan ifisser tnaqqis ta’ 10% meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Distinzjoni bejn il-partiti politiċi
Aktar minn 55% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li mhux vera l-frażi: Iż-żewġ partiti l-kbar huma l-istess. Dan ifisser li l-maġġoranza tan-nies tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ partiti l-kbar.
Sors: tvmnews.com.mt