Inqas Maltin iqisu l-politika importanti f’ħajjithom

L-istħarriġ xjentifiku li sar għall-konferenza nazzjonali l-Istat tan-Nazzjon juri li hemm tnaqqis fost in-nies li jqisu l-politika bħala aspett importanti ħafna f’ħajjithom.

L-istħarriġ magħmul mill-istatistiku Dr Vincent Marmara jispjega kif matul l-aħħar snin kien hemm tnaqqis fl-importanza tal-politika f’ħajjet il-Maltin (48.3% fl-2021 vs 37.9% fl-2022 vs 37.4% fl-2023).

Kien hemm aktar nies minn sena għall-oħra li qalu li l-politika ma tinteressahom xejn (12.9% fl-2021 vs 21.9% fl-2022 vs 26.9% fl-2023).

Aktar kemm tkun kbira l-età tan-nies, aktar jagħtu importanza lill-politika Maltija f’ħajjithom.

L-istess sentiment huwa rifless fuq kemm il-politika tinfluwenza d-deċiżjonijiet tal-bniedem. Meta mqabbel mal-aħħar sentejn, kienu biss 30.6% tan-nies li qalu li huma jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih.

Aktar kemm tkun kbira l-età tan-nies, aktar jaslu għall-opinjoni tagħhom dwar diversi temi differenti, skont kif tkun l-opinjoni tal-partit politiku li jemmnu fih.

Intant, fil-passat, aktar minn żewġ terzi tal-Maltin dejjem ivvutaw għall-istess partit (67.4%). L-istħarriġ juri li huma 32.6% tan-nies li ġieli vvutaw għal partit differenti fil-passat. L-Għawdxin huma l-aktar li qalu li huma fil-passat dejjem ivvotaw għall-istess partit, 77.6%

Fl-istħarriġ tal-2023 ħareġ li huma ftit inqas minn 40% tan-nies jikkunsidraw li jivvotaw għal partit differenti fil-futur (38.7%). Ftit inqas minn 22% qalu li ma jafux (21.9%). Meta mqabbel mas-snin preċedenti kulma jmur in-nies qed jappartjenu inqas għal partit partikolari.

Fost iż-żgħar iktar iqisu li jivvotaw għal partit differenti fil-futur. Aktar kemm ikun għoli l-livell ta’ edukazzjoni tan-nies, aktar ikun hemm ċans li jivvutaw għal partit differenti fil-futur. Aktar kemm tkun għolja t-taxxa fuq id-dħul tan-nies, aktar ikun hemm iċ-ċans li jivvutaw għal partit differenti fil-futur. In-nies li jgħixu fix-Xlokk ta’ Malta u fid-distrett tat-Tramuntana huma l-aktar lesti li jivvutaw għal partit differenti fil-futur.

L-istħarriġ jikxef ukoll li ftit inqas minn 80% tal-Maltin jidentifikaw ruħhom ma’ partit politiku li jaqbel mal-ideat tagħhom (78.8%). Dan ifisser tnaqqis ta’ aktar minn 11% meta kkumparati mas-sena 2021.

Intant, ftit aktar minn 30% tan-nies qalu li huma ġieli marru għand xi politiku għax kellhom bżonn xi ħaġa (30.9%).

Kważi 50% ta’ dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li mhux vera l-frażi: Iż-żewġ partiti l-kbar huma l-istess. Dan ifisser li l-maġġoranza tan-nies tagħmel distinzjoni bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Għalkemm il-maġġoranza fl-2023 taħseb li hemm distinzjoni bejn iż-żewġ partiti, dan naqas meta mqabbel mas-sena l-oħra.

Fl-aħħar nett ftit inqas minn 70% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ qalu li se jivvotaw fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss (69.9%). Huma biss 11.3% tan-nies li qalu li mhux se jivvotaw. Filwaqt li 18.8% tan-nies għadhom indeċiżi.

 

Sors: https://tvmnews.mt/news/inqas-maltin-iqisu-l-politika-importanti-fhajjithom/

 

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet