X’qed jinfluwenza l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tal-poplu? – Titnieda r-4 edizzjoni ta’ L-Istat tan-Nazzjon

Tnediet ir-raba’ edizzjoni tal-Istħarriġ u l-Konferenza Nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’ li se ssir fl-20 ta’ Ġunju fil-Palazz tal-Verdala.

Il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono nediet din l-edizzjoni u fissret kif “l-iskop ta’ din il-konferenza huwa li jinħoloq dibattitu informattiv biex ikun jista’ jinsilet tagħrif sabiex dak li jipproponu l-mexxejja jkun jista’ jiġi msejjes fuq kif il-poplu Malti u Għawdxi, l-aspirazzjonijiet, it-tħassib, kif ukoll il-karattru tiegħu li qed jinbidlu u jevolvu minn żmien għal żmien”.

Fit-tnedija, Vincent Marmarà, statistiku u lettur universitarju, qal li f’din l-edizzjoni se jkun hemm sorveljanza lejn dak li jiddefinixxi lill-poplu u dak li jinfluwenzah sabiex jifforma l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu.

Huwa stqarr li “din is-sena b’mod partikolari se nħarsu lejn il-mudell ekonomiku, aktar milli minn lenti teknika, imma dak li jinfluwenzah. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu fiċ-ċentru ta’ dan kollu li jagħmel dan, bl-għażliet, l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tiegħu”.

Marmarà kkonkluda li “qabel mal-kelliema, il-poplu, u l-esperti jiddiskutu l-istat tan-nazzjon, se nibdew billi nagħtu stampa ta’ min hu l-poplu u dak li jiddefinixxih minn aspett xjentifiku. B’hekk, l-ewwel se nisimgħu lill-poplu qabel tibda d-diskussjoni”.

Il-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondi stqarr li f’Malta qed iseħħu bidliet fundamentali u radikali, “bidliet li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru għalina, biex is-sens ta’ min jien u min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ”. Huwa żied li “għalhekk irridu noqogħdu attenti li x’jien ma jibdiex jiddefinixxi min jien”.

Source: https://newsbook.com.mt/xqed-jinfluwenza-l-opinjonijiet-u-l-hsibijiet-tal-poplu-titnieda-r-4-edizzjoni-ta-l-istat-tan-nazzjon/

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet