X’qed jinfluwenza l-opinjonijiet u l-ħsibijiet tal-poplu? – Titnieda r-4 edizzjoni ta’ L-Istat tan-Nazzjon

Il-maġġoranza tal-poplu jemmen f’Alla iżda ma jagħtix l-istess livell ta’ importanza lir-reliġjon.

Dan ħareġ fi stħarriġ xjentifiku dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’ li analizza kif tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. L-istudju jikkonsisti f’kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.

Mir-riċerka ħareġ li l-maġġoranza tal-poplu jemmen f’Alla iżda aktar minn 20% taż-żgħażagħ, ta’ bejn is-16 u l-25 sena qalu li ma jemmnux f’Alla. 3% tan-nies jgħidu li ma jafux jekk jemmnux jew le. 14.5% ta’ dawk li għandhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja qalu li ma jemmnux f’Alla.

Fl-analiżi tiegħu, l-espert fl-istatistika u lettur fl-Università ta’ Malta Dr Vincent Marmarà, qal li meta tħares lejn dawn l-erba’ snin, ir-riżultati huma simili għalkemm din is-sena kien hemm xi ċaqliq żgħir fin-numri.

56.7% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ qalu li r-reliġjon hija importanti ħafna f’ħajjithom. Għal ftit aktar minn 30% tan-nies, ir-reliġjon mhix daqshekk importanti f’ħajjithom (31.5%). Filwaqt li għal ftit aktar minn 10%, ir-reliġjon mhi importanti xejn f’ħajjithom (10.4%).

In-nies li wieġbu dan l-istħarriġ li għandhom l-inqas livell ta’ edukazzjoni huma l-aktar li qalu li r-reliġjon hi importanti f’ħajjithom (83.3%) Aktar kemm taqla’ flus, inqas ‘hija importanti r-reliġjon’ għan-nies.

Inqas minn 40% ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ fl-2024 qalu li jikkunsidraw ħafna r-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin.Dan huwa tnaqqis ta’ madwar 10% meta mqabel mal-2023 (49% vs 38.9%).

Aktar kemm hi kbira l-età, aktar jikkunsidraw ir-reliġjon meta jieħdu ddeċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin.

Min-naħa l-oħra, aktar kemm hu għoli l-livell ta’ edukazzjoni, inqas jikkunsidraw ir-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin.

Sors: https://tvmnews.mt/news/stharrig-il-maltin-jemmnu-falla-izda-tonqos-l-importanza-lir-religjon/

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet