Wara li l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Robert Abela ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali, il-partiti bdew minnufih bil-kampanja elettorali tagħhom.
Iż-żewġ partiti l-kbar bdew minnufih itellgħu l-billboards tagħhom madwar il-pajjiż kollu. Sa ftit tas-sigħat wara t-tħabbir tas-26 ta’ Marzu bħala d-data li fiha se tkun qiegħda tinżamm l-elezzjoni, iż-żewġ mexxejja bdew jiżvelaw uħud mill-proposti tagħhom f’każ li jingħataw il-mandat mill-elettorat biex imexxu l-pajjiż. Minn dawn il-proposti li aktar ’il quddiem jiġu ppubblikati fil-manifest elettorali, il-poplu għandu jiddeċiedi lil min se jkun qiegħed jafda fil-jum tal-votazzjoni.
Konxji dwar il-possibbiltà ta’ ċaqliq bejn iż-żewġ partiti skont id-diskors u l-proposti tagħhom, Talk.mt ħadet il-kumment tal-Istatistiku u Riċerkatur Vincent Marmara rigward sondaġġi li jibdew jiċċirkolaw fil-midja u fuq liema riżultati għandu joqgħod l-poplu.
“L-iktar ħaġa importanti huwa s-sors. Sippost meta ssir riċerka jkun hemm metodoloġija ċara biex l-individwu jkun jaf kif ġew ikkalkulati n-numri”, beda biex jispjega Marmara.
Huwa kompla biex jgħid li l-poplu jeħtieġ jagħmel distinzjoni bejn sondaġġ riċerkat bid-dettallji kollha miegħu u dik ir-riċerka jew numri mbuttati minn ebda bażi ta’ sors.
Marmara żied jgħidilna li ħafna jikkuntattjawh biex jgħidulu xi jkunu semgħu rigward numri li jvarjaw u li meta jistaqsihom minn fejn ġejjin iċ-ċifri, huwa jikkonkludi li din tkun informazzjoni bla ebda bażi.
“Ikun hemm informazzjoni żbaljata mhux intenzjonata u drabi oħra fejn ikollok informazzjoni żbaljata bi skop minħabba li elezzjoni ġġib ħafna emozzjonijiet u allura speċjalment għal ċertu nies li jikkunsidraw ċertu numri pożittivi u oħrajn jikkunsidrawhom negattivi, allura ċertu informazzjoni tibda tinfirex ferm aktar malajr”, tenna l-istatistiku.
Għaldaqstant huwa appella għar-responsabbiltà fit-tixrid ta’ informazzjoni għax l-istatistika hija għodda xjentifika li għandha tintuża b’ċertu passjoni u b’lealtà lejn il-poplu. Li twassal dak li hu reali u korrett huwa responsabbiltà ta’ kull persuna li jkun qiegħed jippubblika statistika dwar fatti reali.
“Wara kull numru ma jistax ikun hemm aġenda politika jew aġenda personali. Wara kull numru, kull ma jrid ikun hemm hija l-evidenza xjentifika għall-mod ta’ kif wasalt għal dak in-numru”, temm jgħid Marmara.
Source: talk.mt