Il-Maltin iqisu li Malta għandha rwol ikbar fil-Mediterran milli fl-UE

Il-Maltin iqisu li pajjiżna għandu rwol ikbar fir-reġjun tal-Mediterran milli fl-Unjoni Ewropea jew fl-isfera internazzjonali. Dan joħroġ minn stħarriġ ikkummissjonat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej li wera kemm il-Maltin iħossuhom qrib l-Italja, il-Libja u r-Renju Unit u l-inqas marbuta mat-Turkija u r-Russja.

L-istħarrig tmexxa mill-istatistiku Dr Vincent Marmara’ bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-istrateġija nazzjonali għall-politika barranija ta’ Malta. L-istħarriġ hu intiż li jkollu l-polz tal-poplu fejn tidħol il-politika tal-affarijiet barranin.

Stħarriġ riċenti wera li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin, 52 fil-mija, jaħsbu li r-rwol ta’ Malta fil-Mediterran hu importanti ħafna.

L-istatistiku Dr Vincent Marmara’ mexxa dan l-istħarriġ fost kampjun ta’ 800 Malti u Maltija li għandu l-għan jara kif il-Maltin jaraw is-sehem ta’ pajjiżna fid-dinja. Waqt li 17.8 fil-mija tal-Maltin jaħsbu li l-importanza tar-rwol ta’ Malta fid-dinja mhux importanti, madanakollu 35.9% jaħsbu li l-parteċipazzjoni ta’ Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea hi importanti ħafna.

Il-Maltin jaraw qrubija mal-Italja u l-Libja

27.5% jaħsbu li r-rwol ta’ Malta fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda hu importanti ħafna. Mistoqsija ma’ liema pajjiżi jaħsbu li Malta għandha relazzjoni tajba, il-Maltin wieġbu li l-iktar jaraw qrubija mal-Italja, segwita mil-Libja u r-Renju Unit. Qalu li l-inqas pajjiżi li magħhom Malta għandha relazzjoni tajba huma t-Turkija u r-Russja. 14.8% wieġbu li Malta għandha reputazzjoni ħażina barra minn Malta, bil-parti l-kbira qalu li r-raġuni hija għax pajjiżna jinsab fuq il-lista l-griża tal-FATF.

13 fil-mija qalu li għandna reputazzjoni tajba barra l-pajjiż, bil-parti l-kbira jaħsbu li n-newtralità tal-pajjiż hi importanti ħafna. L-istħarriġ wera wkoll li 54.7 fil-mija tal-Maltin jaħsbu li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej għandu rwol importanti ħafna fit-tisħiħ ta’ Malta fl-isfera internazzjonali.

“F’dan l-istudju ħareġ biċ-ċar l-importanza li jagħti lil Malta fis-sehem tagħna fil-Mediterran, ra kemm huwa importanti li bħala pajjiż inżommu relazzjoni tajba ma’ pajjiżi oħrajn u ħareġ biċ-ċar u ħafna b’saħħtu kemm il-poplu jagħti importanza kbira lin-newtralità tal-pajjiż”.

Dr Vincent Marmara’

L-istatistiku Dr Vincent Marmara’, li kien ikkummissjonat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej biex imexxi dan l-isħarriġ, wettaq dan l-istħarriġ fl-isfond tat-tnedija tal-Istrateġija ta’ Malta għall-Politika tal-Affarijiet Barranin. Din l-istrateġija hi mibnija fuq tliet pilastri; il-prosperità u għajxien tajjeb, il-paċi u djalogu, u li nimirħu lil hinn mir-reġjun.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Christopher Cutajar, qal li Malta qed taħdem biex tkompli ssaħħaħ ir-rappreżentanza tagħha ma’ pajjiżi oħra.

“Naraw li nsaħħu l-politiki reġjonali tagħna li se nifirxuhom kemm fil-Golf Persiku, kemm fl-Indo Paċifiku, u anke bi preżenza ġdida fl-Amerika Latina, jiġifieri fil-Brasilia l-kapitali tal-Brażil”, qal is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Christopher Cutajar.

Meta kien qed jindirizza l-konferenza b’mod virtwali, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li wara l-pandemija, il-Gvern se jibqa’ jindirizza l-effetti tal-pandemija u t-tibdil fil-klima u sostna li b’din l-istrateġija Malta trid tkompli taħdem maż-żewġ xtut tal-Mediterran, jiġifieri mal-kontinent Afrikan u mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet