L-istatistika hija għodda xjentifika li għandha tintuża b’ċertu passjoni u b’lealtà lejn il-poplu. Li twassal dak li hu reali u korrett huwa responsabbiltà ta’ kull persuna li jkun qiegħed jippubblika statistika dwar fatti reali. Wara kull numru ma jistax ikun hemm aġenda politika jew aġenda personali. Wara kull numru, kull ma jrid ikun hemm hija l-evidenza xjentifika għall-mod ta’ kif wasalt għal dak in-numru. Qal dak l-istatistiku u riċerkatur Vincent Marmara hekk kif aktar kmieni dan is-sit ippubblika l-istħarriġ maħdum minnu.
Marmara qalilna li diġà beda jesperjenza diversi nies li jikkuntatjawh b’numri differenti u jitolbu mingħandu spjegazzjoni. Diversi nies jgħidulu li semmew numri mod u oħrajn jgħidulu li semgħu numri differenti. Ikollok nies li jippanikjaw, oħrajn jieħdu gost u diversi oħrajn jitħawdu. Qalilna li hija ħasra li jkollok min juża n-numri għal dawn l-iskopijiet personali għax il-poplu jistħoqqlu jkun jaf l-verità u l-fatti reali dwar is-sitwazzjoni.
Fakkar li kien proprju numru ta’ snin ilu, li flimkien ma’ It-Torċa kien beda dan il-proġett li jagħtu din l-istatisika rigward is-sitwazzjoni politika tal-pajjiż lill-poplu. Kien ġie avviċinat mill-istess gazzetta biex jibdew jippubblikaw is-surveys. Kienu ftehmu li għandu jkun hu li jiffirma dawn is-surveys ħalli b’hekk jkun hemm element ta’ akkontabbiltà f’dak li jiġi ppubblikat.
Kompliet tikber ir-responsabbiltà tiegħu li jaċċerta għal diversi drabi li dak li ser jiġi pubblikat huwa verament l-istampa reali ta’ dak li n-numri qegħdin jgħidu. Fl-ispjegazzjoni li jagħti jaċċerta li l-metodoloġija tkun mitkuba kollha u b’mod ċar. Jara li jiġu applikati mudelli xjentifiċi biex jagħtu stampa ċara ta’ kif jivvota l-poplu f’każ ta’ elezzjoni ġenerali. Dawk li jirrifjutaw jgħidu lil min ser jivvutaw ma jinqasmux nofs bin-nofs, imma jiġi applikat il-multiple imputation technique biex inkun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika ta’ kif fir-realtà ser jivvota l-persuna.
“L-istatisika hija xjenza, il-matematika hija l-lingwa li trid tintuża b’mod tajjeb biex naċċertaw li n-numri jiġu analizzati b’mod tajjeb”, tenna Marmara.
Source: talk.mt