Imħabbrin stħarriġ u konferenza nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’ b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President

Il-President ta’ Malta, George Vella, ippresieda konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru stħarriġ xjentifiku u konferenza nazzjonali li, bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’, se janalizzaw kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. Din l-inizjattiva, li se tibda ssir regolarment, qed tittieħed mill-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì u l-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
“Aktar milli ‘min aħna’ se niddiskutu ‘min sirna’, għax aħna soċjetà li tevolvi u tinbidel,” qal il-President filwaqt li nnota li t-temi u s-suġġetti li ser jitqajmu mal-pubbliku fl-istħarriġ u li mbagħad jiġu diskussi dakinhar tal-konferenza li se ssir fil-Palazz Verdala fl-4 ta’ Ġunju 2021, jirriflettu ħafna u jixbhu ħafna lil dawk li ħarġu mill-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li organizza fis-27 ta’ Frar 2021. “Nara li dan l-istħarriġ mhux biss hu wieħed f’waqtu iżda jkompli jsaħħaħ b’mod xjentifiku u konkret id-diskussjoni relatata mal-għaqda nazzjonali, li s’issa kienet waħda li ġabret biss ħsibijiet u ideat… din il-konferenza ta’ Ġunju se tkun okkażjoni fejn inkompli nikkonsolida l-intenzjoni tiegħi li tkompli tikber u timmatura diskussjoni inklużiva u rispettuża dwar dak li għaddej minnu l-poplu Malti, x’qed inissel il-firda, u x’jista’ jkompli jgħaqqadna … L-appell tiegħi jibqa’ dejjem dak ta’ rispett tal-opinjonijiet, li mhux dejjem se jaqblu imma li huwa importanti li jinstemgħu kollha.”
Filwaqt li iżża ħajr bil-quddiem lil dawk kollha li diġà huma jew li se jkunu involuti f’din l-inizjattiva, il-President ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkopera fil-ġbir tal-informazzjoni waqt l-istħarriġ. Qal ukoll li m’hemm xejn ħażin jekk diskussjonijiet bħal dawn isiru wkoll fl-livell lokali f’partijiet differenti ta’ pajjiżna. “Dan huwa kollu parti mill-viżjoni tiegħi għal matul din is-sena, li nixtieq niddedika għal dan l-għan. Jiena qed nieħu dawn il-passi sabiex il-Presidenza tnissel għarfien dwar mumenti storiċi fit-tiswir ta’ pajjiżna, il-kisbiet tagħna u, fuq kollox, għarfien u apprezzament ta’ fejn ninsabu llum,” qal il-President. “Filwaqt li nkomplu nkunu kritici fuq dak kollu li huwa ħażin madwarna, ngħożżu dak kollu li huwa pożittiv li akkwistajna bil-għaqal u bil-galbu tagħna matul iż-żminijiet.”
Dr Marmarà spjega li l-istħarriġ se jsir bit-telefown ma’ mhux anqas minn elf ruħ minn fost il-popolazzjoni kollha taċ-ċittadini Maltin. L-għan hu li jinkiseb fehim aħjar dwar min aħna bħala poplu kif ukoll x’inhu dak li nemmnu fih, li jiddefinixxina, u li jifforma l-prinċipji tagħna. Il-kampjun se jintgħażel b’mod li jirrifletti d-demografija tal-pajjiż sabiex, qabel ma l-kelliema u l-esperti jiddiskutu ‘l-istat tan-nazzjon’, ikollhom stampa ta’ min hu l-poplu u dak li jiddefinixxih. B’hekk, il-poplu jkun semma’ leħnu qabel ma ssir id-diskussjoni.

Is-Sur Bondì ħabbar li l-konferenza nazzjonali tal-4 ta’ Ġunju, li se jippresjediha l-President ta’ Malta, se tkun magħmula minn 29 kelliem, maqsumin f’diskussjonijiet differenti, u sitt moderaturi minn kull qasam tal-ħajja. Fost dawk li diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom hemm il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof. “Din il-konferenza se ssir f’mument propizju,” qal is-Sur Bondì. “Apparti li se tkun, nisperaw fil-bidu tat-tmiem tal-pandemija, f’pajjizna u madwarna qed isiru bidliet fundamentali u rivoluzzjonarji fuq livelli differenti; bidliet li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru … dawn kollha qed iwasslu biex is-sens ta’ min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ.”

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet