Analiżi oħra tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat tkompli tixħet dawl fuq l-effetti tal-COVID-19 fuq l-andament ekonomiku ta’ Malta, in-nefqa tal-familji qabel, waqt u wara l-imxija. Ibbażata fuq stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar minn Dr Vincent Marmara, l-analiżi ta’ Dr Muscat temfasizza l-ħtieġa ta’ inċentivi ekonomiċi li jerġgħu jistimulaw in-nefqa tal-familji waqt li jrawmu mill-ġdid il-kunfidenza fil-konsumatur Malti.
Analiżi ekonomika mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat turi li tul l-imxija tal-Covid-19, l-attivita’ ekonomika tal-ħwienet, l-istabbilimenti, ir-ristoranti, il-kafetteriji, il-ħwienet tal-ħwejjeġ u t-trasport pubbliku ser tkun naqset b’medja ta’ 81%.
Fit-tieni nota ekonomika ta’ Dr Muscat, ibbażat fuq stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għamilt, turi li tul l-imxija u wara li jkomplu jittaffew ir-restrizzjonijiet, l-attivita’ ekonomika tal-pajjiż mistennija tonqos drastikament. Jidher li l-ekonomija Maltija ser tibda tieħu r-ruħ wara li jinstab il-vaċċin. Iżda l-burdata ekonomika mhux ser terġa’ tkun fl-istess livelli li kienet qabel instab l-ewwel każ tal-Covid-19 f’Malta.
Mir-riżultati tal-istħarriġ, Dr Muscat jistma li sakemm jinstab vaċċin għall-coronavirus, l-ekonomija ser tonqos bi 11%. Huwa stmat li meta jidħol il-vaċċin, l-ekonomija tal-pajjiż ser tkun 2% inqas mil-livelli ta’ qabel l-imxija.
L-istħarriġ jittratta l-ħtieġa ta’ inċentivi ekonomiċi li jistimulaw in-nefqa tal-konsumatur Malti, waqt li jsaħħu l-kunfidenza tal-Maltin fis-sigurta’ tal-istabbilimenti. Dr Muscat argumenta li l-inċentivi ekonomiċi mhux biss għandhom ibiddlu r-rotta ekonomika iżda jżidu l-kunfidenza u l-qagħda finanzjara tal-familji, b’Malta terġa’ taqbad it-triq għas-suċċessi ekonomiċi ta’ qabel il-pandemija.
Din hija t-tieni nota ekonomika tal-eks Prim Ministru Muscat fi żmien xahar, wara li fl-ewwel waħda għamel analiżi ekonomika dwar l-effetti tal-pandemija fuq l-ekonomija Maltija b’erba’ xenarji li jvarjaw minn effetti żgħar sa konsegwenzi severi li jistgħu ikarkru sas-sena d-dieħla, bis-settur turistiku jkun l-ikbar li jieħu majnata.
L-istħarriġ sar fost sitt mitt parteċipant bit-telephone fit-tieni ġimgħa ta’ Mejju u għandu margin of error ta’ +/- 4%.
Qabel, waqt u wara l-pandemija
Qabel il-Covid-19, il-pubbliku wieġeb li kien imur madwar tliet darbiet fix-xahar f’ristorant; madwar ħames darbiet fix-xahar f’kafetterija; minn tal-inqas darbtejn fix-xahar f’ħanut tal-ħwejjeġ jew taż-żraben; u minn tal-inqas darba fis-sena għal btala f’lukanda f’Malta jew Għawdex, u safra.
Mistoqsija kemm-il darba ser jagħmlu użu minn dawn is-servizzi tul il-pandemija qabel jinstab il-vaċċin – ħafna wieġbu li ser jibqgħu lura. Ngħidu aħna, fejn qabel il-pubbliku wieġeb li kien imur min tal-inqas ħames darbiet jieħu kafe’, sakemm jinstab vaċċin jikkalkula li ser imur darba f’xahar f’kafetterija. Sakemm jinstab il-vaċċin, il-Maltin ma jidhirx li ser ifttixu li jmorru f’farmhouses, f’lukandi f’Malta/Għawdex jew barra minn xtutna. Ir-riżultati juru li sakemm il-virus jibqa’ fil-komunita’, l-attivitajiet fi ħwienet u servizzi msemmija fit-Tabella 1, ser jonqsu b’madwar 81%. Jidher li anke familji li d-dħul tagħhom ma ġiex affettwat għax baqgħu jirrappurtaw għax-xogħol b’mod normali, naqsu n-nefqa tagħhom minħabba biża’ li ġġib magħha l-inċertezza.
L-istħarriġ wera li minkejja l-illaxkar fir-restrizzjonijiet, il-pubbliku ser jibqa’ lura mill-attivitajiet fejn jinġemgħu ħafna nies. Dawn jinkludu l-btajjel barra minn xtutna (b’tnaqqis medju ta’ 93%), mistrieħ f’lukandi f’Malta u Għawdex (tnaqqis ta’ 90%), mistrieħ f’farmhouses f’Għawdex (tnaqqis ta’ 87%). Ir-ristoranti u t-trasport pubbliku jidhru li ser jaqalgħu daqqa ta’ ħarta għax minkejja t-tneħħija tar-restrizzjonijiet ser isofru tnaqqis ta’ 80%. Il-kafetteriji u l-ħwienet tal-ħwejjeġ ġew affettwati inqas.
Minkejja li l-vaċċin għandu jżid il-fiduċja u jerġa’ jgħin biex idawwar ir-rota, il-pubbliku wieġeb li xorta ser jikonsma mal-10% inqas mill-bidu tal-pandemija. Dan juri li l-pandemija ser tħalli effetti fit-tul fuq l-imġieba tal-konsumatur. Dr Muscat qal li dan irid jittieħed fil-kuntest li għal jum wara ieħor il-pubbliku kien espost għall-ikbar kampanja globali organizzata (mhux pjanata) dwar il-COVID-19. Il-pubbliku sema’ kontinwament il-messaġġi tal-awtoritajiet tas-saħħa biex jibqgħu ġewwa u kienu esposti ’l ħin kollu għan-numru tal-vittmi u x-xeni tal-pazjenti fl-isptarijiet ta’ pajjiżi mhux wisq bogħod minn Malta. Iżda jgħid li l-kawtela u l-attenzjoni kienet meħtieġa f’perjodu ta’ emerġenza. U kif in-narrattiva terġa’ tibda tinbidel, wieħed għandu jistenna bidla fl-andament, u l-kunfidenza u l-konsum jerġgħu jibdew jiżdiedu.
Iż-żgħażagħ kawti aktar mill-anzjani
Minkejja li huma l-inqas suxxettibbli għal kumplikazzjoni li jġib miegħu l-virus, iż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-25 sena mistennija jnaqqsu l-konsum tagħhom b’madwar 80%. Saħansitra, il-faxxa żagħżugħa wieġbet li ser tesponi lilha nfisha inqas (f’ristoranti, btajjel barra l-pajjiż jew f’lukandi f’Malta u Għawdex) mill-faxxa ta’ persuni li għandhom iktar minn 66 sena – l-iktar nies li huma suxxettibbli għall-kumplikazzjonijiet f’każ li jimirdu bil-Covid. Il-figuri juru li kuntrarjament għall-aspetazzjonijiet, il-faxxa żagħżugħa mhux mistennija terġa’ żżid il-konsum wara aktar rilaxx ta’ restrizzjonijiet. L-unika eċċezzjoni għaż-żgħażagħ hija n-nefqa tagħhom fir-ristoranti u fil-ħwienet tal-ħwejjeġ fejn mistennija tkun f’livelli ikbar minn qabel il-pandemija.
Jintqal li hemm numru ta’ fatturi għal dan ir-riżultat fosthom li ż-żgħażagħ huma esposti kontinwament għal mezzi soċjali, li servew bħala pjattaforma għal żviluppi kontinwi b’rabta mal-imxija. Waqt li din l-analiżi tmur lil hinn mill-iskop tan-Nota Ekonomika, aktarx hija sejba li timmeritaha iżjed riċerka, b’mod partikolari minn perspettiva soċjoloġika.
In-nisa f’riskju li jintasbu mill-ġdid fil-faqar
Madwar wieħed minn kull għaxar persuni li rrispondew għall-isħtarriġ qalu li għandhom wild li għandu inqas minn ħames snin. Minnhom, madwar nofshom wieġbu li kienu jibagħtu lit-tfal tagħhom f’childcare centre qabel bdiet il-pandemija. Mistoqsija jekk jerġgħux jibagħtu lil uliedhom fl-istess ċentru qabel ikun hawn il-vaċċin, 17% biss wieġbu fl-affermattiv. In-nurmu jitla’ għal 53% ladarba jinstab vaċċin. Dan jindika li sakemm jinstab il-vaċċin, wieħed miż-żewġ ġenituri ser ikun kostrett li jibqa’ d-dar biex jieħu ħsieb lit-tfal. Dr Muscat qal li dan jista’ jħalli riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali, għax joħloq skarsezza fir-riżorsi umani. Aktarx li wieħed jista’ jassumi li n-nisa, li ġejjin minn sfond diffiċli, huma l-aktar li ser ibatu, u jirriskjaw li jitilfu l-indipendenza finanzjarja li kisbu fl-aħħar snin. Dan l-effett jista’ jtul anke sa wara li tintemm il-pandemija għax tkun iżjed diffiċli għall-ħaddiema li jkunu ilhom neqsin mid-dinja tax-xogħol li jirritornaw lura. Għal darb’oħra, in-nisa jistgħu jkunu f’riskju akbar li jispiċċaw fil-faqar.
Inċentivi fiskali li għandhom idawru l-ekonomija Maltija
Mill-istħarriġ jirriżulta li l-inċentivi fiskali huma kruċjali biex jistimulaw id-domanda. Fil-każ tat-turiżmu intern, l-inċentivi jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fid-domanda bi tliet darbiet aktar meta mqabbel ma’ xenarju b’nuqqas ta’ għajnuna. Minkejja dan, il-livell tal-attivita’ jibqa’ inqas min-nofs ta’ kif kienet is-sitwazzjoni qabel il-pandemija.
L-eks Prim Ministru Muscat qal li dan joffri sfida fil-politika tal-Gvern biex waqt li l-inzjattivi jsaħħu l-kunfidenza fil-konsumaturi, isaħħu wkoll lin-negozji biex jadattaw għal proċeduri iktar rigorużi biex iżommu l-postijiet tagħhom iżjed nodfa u siguri. Dan m’għandux jitqies bħala piż iżda investiment li jagħti serħan il-moħħ lill-klijentela tagħhom.
Mitigazzjoni għal iktar serħan il-moħħ
L-użu tal-hand sanitisers, il-maskri u t-tindif regolari huma l-iktar tliet metodi li jippreferu l-konsumaturi Maltin. 93% tal-parteċipanti wieġbu li jħossuhom komdi fi stabbiliment meta jkun hemm is-sanitsers. Isegwu t-tindif regolari (89%) u l-użu tal-maskri (84%). Fost l-inqas proċeduri ta’ mitigazzjoni li jżidu l-kunfidenza fil-klijenti, iżda xorta sabu l-maġġoranza f’dawk li rrispondew hemm l-użu tal-online kameras biex isegwu l-proċeduri tal-indafa u l-folol, u kameras fil-kċejjen.
Source: talk.mt