Eżerċizzju li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà juri kif stħarriġ wara ieħor li sar fl-aħħar ħames snin mill-elezzjoni ġenerali tal-2017 ’l hawn baqa’ juri kif l-elettorat żamm fiduċja b’saħħitha u konsistenti favur il-partit fil-Gvern.
Dott. Marmarà rrimarka li hemm ċaqliq żgħir fin-numri u dan jiġri minħabba żewġ fatturi ewlenin: (i) il-varjanza bejn sondaġġ u ieħor (margin of error); u (ii) diversi avvenimenti politiċi li jkunu qed iseħħu fil-pajjiż. “Minkejja dan, iż-żewġ partiti jidher li mhux jirreġistraw shifts maġġuri minn partit għall-ieħor u b’hekk id-distakk jibqa’ konsistenti minn stħarriġ għall-ieħor,” qal l-istatistiku.
Xejriet politiċi
Dott. Marmarà qal li meta wieħed iħares lejn l-istatistika mill-2009 ’l hawn jinnota li x-xejriet bdew jidhru minn dawk iż-żminijiet. Infatti, żied jgħid, il-Partit Laburista beda jirbaħ l-elezzjonijiet b’distakk kbir (tal-Kunsilli Lokali, tal-Parlament Ewropew, imbagħad eventwalment l-elezzjonijiet ġenerali).
L-istatistiku qal li mill-aħħar stħarriġ li ġie ppubblikat il-Ħadd li għadda (fejn wera li l-PL għandu l-fiduċja ta’ 56.0% tal-elettorat u l-PN 42.4%), juri li l-Partit Laburista qed jirbaħ il-fiduċja mill-Ewwel Distrett sas-7 Distrett Elettorali, kif ukoll it-13-Distrett (Għawdex). Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista għandu maġġoranza f’erba’ distretti, jiġifieri fit-8, id-9, l-10 u l-11-il Distrett.
Dott. Marmarà qal li fit-12-il Distrett se jkun hemm taqtigħa bejn iż-żewġ partiti biex jiksbu t-tielet minn ħames siġġijiet parlamentari. Żied jgħid ukoll li meta wieħed iqabbel l-etajiet, il-Partit Laburista qed jirbaħ il-fiduċja tal-etajiet kollha, tan-nisa u l-irġiel, minn żgħażagħ sa pensjonanti.
Il-fiduċja fil-mexxejja
Mill-istħarriġ tal-aħħar seba’ xhur (minn Lulju tas-sena li għaddiet) il-mexxej Laburista Robert Abela rreġistra appoġġ ta’ 20% aktar mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan huwa distakk ikbar minn dak li kien qed jiġi reġistrat mill-partiti li jirrappreżentaw.
Dott Marmarà qal li ż-żewġ raġunijiet huma li għandek iżjed Laburisti li jafdaw lill-mexxej tagħhom milli Nazzjonalisti li jafdaw lill-kap tagħhom.
It-tieni raġuni fi kliemu hija li għandek persentaġġ notevoli ta’ partitarji nazzjonalisti li jafdaw lil Robert Abela biex ikun il-Prim Ministru tal-pajjiż.
Il-kampjuni tal-istħarriġ ikkwotati f’dawn is-sondaġġi ta’ Dott. Vincent Marmarà jvarjaw bejn 600 u 750 persuna. Minkejja li kull stħarriġ għandu margin of error ta’ bejn +/- 3.6% u +/-4.0%, il-livell ta’ kunfidenza jissaħħaħ ferm meta wieħed jara xejriet konsistenti f’din il-ġabra ta’ statistika flimkien.
Souce: talk.mt