Il-PL b’distakk ta’ 12.2% fuq il-PN

Ġimagħtejn minn meta ssafret is-suffara biex tibda l-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu, il-polz tal-elettorat qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 12.2% favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mit-tielet stħarriġ ikkummissjonat mit-TORĊA f’din il-kampanja elettorali u li sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà, b’kampjun ta’ elf persuna.

Jekk wieħed jikkunsidra turnout simili bħal dak tal-2017, dan ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ li sar bejn is-26 ta’ Frar u t-3 ta’ Marzu, ipoġġi distakk ta’ madwar 38,000 vot favur il-Partit Laburista.

Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 55.2% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 43.0%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 1.8% tal-elettorat.

L-istatistiku irrimarka li jkollok differenza żgħira fl-ammont ta’ voti bejn partit u ieħor minn survey għall-ieħor, hija normali. Dan jaqa’ f’dak li jissejjaħ il-margin of error. 

Meta mistoqsi jispjega kif ix-xjenza tal-istatisika twassalna għal dan ir-riżultat, Dott. Marmarà spjega li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirriflettu li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ.

Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ, jitqabbel mar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2017, wieħed jinnota żieda ta’ 0.2% għall-Partit Laburista, tnaqqis ta’ 0.7% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 0.5% għall-partiti oħrajn.

Meteodoloġija

Dan l-istħarriġ sar b’kampjun ta’ 1,000 persuna b’confidence level ta’ 95% u marginal of error ta’ +/- 3.1% fost persuni minn 16-il sena ’l fuq. Għal dan l-istħarriġ intuża l-metodu tal-istratified random sampling, biex b’hekk il-kampjun miġbur kien imqabbel b’mod preċiż mal-etajiet tan-nies, id-distretti u s-sess tagħhom.

 

Source: talk.mt

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet