Il-President George Vella ħabbar li fid-9 ta’ Ġunju se jerġa’ jlaqqa’ konferenza dwar l-istat tan-nazzjon u kif sar is-sena l-oħra qabilha se jsir stħarriġ xjentifiku biex iservi ta’ bażi għad-diskussjoni.
Dr Vella qal li l-għan tal-Istat tan-Nazzjon hu li jagħti stampa ċara u kompluta ta’ fejn tinsab is-soċjetà Maltija minħabba li sostna li l-ħajja tal-Maltin mhijiex statika. Il-President irrimarka li ħafna mit-temi li se jiġu analizzati jorbtu mal-appell tiegħu għall-għaqda bejnietna.
Fil-bidu ta’ Ġunju, fil-Palazz Verdala se ssir it-tieni konferenza nazzjonali tal-Istat tan-Nazzjon. Is-sena l-oħra dan l-istħarriġ wera fost l-oħrajn li l-familja hi l-benniena tas-soċjetà Maltija, il-maġġoranza jemmnu f’Alla iżda ma jagħtux l-istess livell ta’ importanza lir-reliġjon, ‘il fuq minn 80% tan-nies dejjem ivvutaw lill-istess partit politiku u li l-Maltin ma tantx iħossuhom komdi bit-taħlit fil-kulturi.
L-istatistiku Vincent Marmara qal li se jerġa’ jsir stħarriġ ieħor li se jibda minnufih fost nies minn 16-il sena ‘l fuq biex ikun stabbilit kif qed tevolvi l-identità Maltija.
Se niġbru kampjun ta’ 1,064 persuna. Bħala kampjun se jinġabar b’mod rappreżentattiv tal-popolazzjoni kollha. L-għan prinċipali tiegħu mhux li nippruvaw nifhmu jekk in-nies jaqblux ma’ xi temi partikolari jew oħra, imma iktar nippruvaw nifhmu dak li huwa l-ħsieb tal-poplu, kif il-poplu jifforma l-opinjoni tiegħu, min jinfluwenzah u ovjament inkunu nistgħu nagħtu stampa aħjar ta’ diversi temi rigward il-popolazzjoni ta’ Malta.
Vincent Marmara – Statistiku
Il-Konsulent dwar il-Komunikazzjoni Strateġika, Lou Bondi, qal li fost it-temi għad-diskussjoni din is-sena hemm l-ambjent, il-korruzzjoni, is-saltna tad-dritt u l-fiżjonomija tal-istat.
Is-sinifikat tat-titolu hu li nippruvaw insiru nafu x’inhi l-qagħda tal-poplu Malti, x’jikkaġunalu l-opinjonijiet, jiġifieri din mhux konferenza li fiha niddiskutu isma’ x’taħseb dwar X jew x’taħseb dwar Y, imma xi jġiegħlek tifforma dik l-opinjoni partikolari? It-tieni sinifikat tal-Istat tan-Nazzjon huwa l-Istat huwa tan-nazzjon u tan-nazzjon biss.
Lou Bondi – Konsulent dwar il-Komunikazzjoni Strateġika
Il-President George Vella qal li l-istħarriġ dwar l-Istat tan-Nazzjon jagħti stampa iktar ċara ta’ fiex tinsab is-soċjetà Maltija. Qal li sena ilu kien wera li din mhux se tkun okkażjoni ta’ darba.
Meta inti qed tara l-istat tan-nazzjon mhuwiex statiku, mhuwiex wieqaf. Kollox jimxi ‘l quddiem jew lura, imma qed jiċċaqlaq. Il-fatt li inti wara sena terġa’ tagħmel eżerċizzju fuq l-istess linja biex tqabbel sa fejn wasalt huwa importanti ħafna. Dan trid tarah fil-kuntest ta’ dak li kont anke jien qed nippromwovi u minn hawn u ftit ieħor inneduh, il-fondazzjoni għall-għaqda nazzjonali li torbot u tgħix fuq l-għarfien ta’ x’inhuma d-differenzi li jista’ jkollok li jistgħu jġibu l-firda.
President George Vella – President ta’ Malta
Dr Vella qal li fl-istħarriġ tas-sena l-oħra terz wieġbu li mhumiex komdi bil-multikultariżmu u sostna li l-intenzjoni tal-Istat tan-Nazzjon hi biex jiġu identifikati oqsma li fadlilna x’naħdmu fuqhom bħala soċjetà. Il-President George Vella qal li temi li għandhom jiġu diskussi jinkludu jekk iż-żjara tal-Papa Franġisku ħallietx impatt fuqna, l-effetti ekonomiċi tal-pandemija, in-nuqqas ta’ stabbilità internazzjonali minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, u l-ilsien Malti.
Source: tvmnews.mt