Skont stħarriġ xjentifiku li sar għat-tieni sena konsekuttiva mill-istatistiku Vincent Marmara, kien hemm żieda sostanzali fl-għadd ta’ Maltin u Għawdxin li jħossuhom kuntenti b’ħajjithom.
Filwaqt li fl-istħarriġ tas-sena l-oħra, il-persentaġġ ta’ dawk li qalu li kienu kuntenti b’ħajjithom kien ta’ 60.7 fil-mija, il-persentaġġ tela’ għal 77 fil-mija din is-sena: żieda ta’ 16.3 fil-mija.
Ir-riżultati tal-istħarriġ ġew ippreżentat dalgħodu waqt it-tieni edizzjoni tal-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon, li qed tiġi organizzata fil-Palazz Verdala fuq l-inizjattiva tal-konsulent fil-komunikazzjoni strateġika, Lou Bondi, u ta’ Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President. L-istħarriġ sar bejn it-28 ta’ April u nofs Mejju li għadda minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.
Vincent Marmarà nnota kif l-istħarriġ ta’ din is-sena, b’differenza għal dak tas-sena li għaddiet, sar wara li kienu tneħħew il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet tal-pandemija.
L-istħarriġ wera wkoll żieda sostanzjali fin-numru tal-Maltin li huma ottimisti dwar il-ġejjieni tagħhom. Huma 41.2 fil-mija ta’ dawk li pparteċipaw fl-istħarriġ ta’ din is-sena li jemmnu li se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena. Fl-istħarriġ tas-sena l-oħra, din ir-rata kienet 30.4 fil-mija, jew 10.8 fil-mija inqas. F’din il-kategorija, naqsu l-indeċiżi filwaqt li żdiedu wkoll – minn 7.1 fil-mija għal 14.7 fil-mija – dawk li jħossu li mhux se jkunu qed jgħixu aħjar fi żmien sena. Dawn ir-riżultati bla dubju jirriflwttu l-fatt li, gradwalment, il-pajjiż sejjer lura għan-normalità ta’ qabel il-pandemija.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll li aktar minn tliet kwarti tan-nies, 78.4 fil-mija, qalu li l-istandard tal-għajxien tagħhom hu daqs il-medja. Dan filwaqt li 15.7 fil-mija qalu li l-livell tal-għajxien tagħhom hu ogħla mill-medja. Kienu biss 5.9 fil-mija tan-nies li qalu li l-livell tal-għajxien tagħhom hu inqas mill-medja.
Dwar id-drittijiet, mill-istħarriġ jirriżulta li 67.4 fil-mija qalu li d-drittijiet tagħhom qegħdin jiġu mħarsa sew. Fl-istess waqt, 25.1 fil-mija qalu li d-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu mħarsa aħjar. Kienu biss 5.7 fil-mija li qalu li d-drittijiet tagħhom mhux qed jiġu mħarsa.
Il-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ – 80.1 fil-mija – qalu li ma jixtiqux li twieldu f’xi pajjiż ieħor. Mill-banda l-oħra, 12.6 fil-mija, qalu li jixtiequ li kieku twieldu f’pajjiż ieħor filwaqt li 7.2 fil-mija wieġbu “ma nafx”.
Sors: one.com.mt