Skont stħarriġ li sar minn Dr Vincent Marmara nstab li l-Għawdxin huma l-aktar nies li marru għand xi politiku għal xi pjaċir.
Skont l-istess stħarriġ 34.5% tal-Għawdxin marru għand xi politiku għal xi pjaċir filwaqt li 29.7% tal-Maltin marru għal pjaċir. Nies li għandhom l-ogħla livell ta’ edukazzjoni huma l-inqas li marru għand xi politiku għax kellhom bżonn xi ħaġa (19.9%)
L-istħarriġ sar bejn it-28 ta’ April u nofs Mejju li għadda minn fost kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ’l fuq.
Minn dan l-istudju ħareġ kemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija kienu qed iħallu effett fuq ħajjet in-nies, hekk kif din is-sena l-poplu stqarr li jinsab aktar kuntent mis-sena l-oħra.
Skont dan l-istudju din is-sena kien hawn aktar nies li qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom hija agħar minn ta’ sena ilu (13.5% fl-2021 u 28.7% fl-2022). Dr Maramara qal li raġuni għal dan huwa minħabba ż-żieda fl-inflazzjoni li hawn.
Meta mqabbel mas-sena l-oħra, aktar nies qalu li fi żmien sena se jkun qiegħed jgħix ħajja aħjar (30.4% fl-2021 u 41.2% fl-2022). Fl-istħarriġ in-nies ġew mistoqsija wkoll ma’ min jiddiskutu l-problemi tagħhom. Kważi 60% qalu mal-familja li jgħixu magħha, kważi 20% mal-familja li ma tgħix magħa, 10% mal-ħbieb, 5% mal-professjonisti u 7.7% mal-kollegi tax-xogħol.
Kien hemm mistoqsijiet ukoll jekk jemmnux f’Alla u skont l-istħarriġ, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu (90.5%) qalu li jemmnu f’Alla. Madwar 12% ta’ dawk bejn 26 u 35 sena qalu li ma jemmnux f’Alla.
Il-maġġoranza tal-Maltin qalu li huma ma jixtiqux li kieku twieldu pajjiż ieħor (80.1%). 81% qalu li jikkunsidraw il-Malti bħala l-lingwa prinċipali.
Skont l-istħarriġ l-poplu jħoss li l-politika hija inqas importanti għalih u jikkunsidra inqas l-opinjoni tal-partit politiku qabel ifassal l-opinjoni tiegħu. Fil-futur, 45.3% ma jikkunsidrawx li jivvutaw għal partit ieħor.
L-iktar affarijiet importanti fil-kultura Maltija kienu l-festi tal-irħula. 56.8% qalu li jippreferu ġnien mad-dar li jiswa €25,000 milli €25,000 fi flus kontanti.
Il-maġġoranza tal-poplu qabel ukoll li l-President tar-Repubblika għandu jingħata aktar poter biex jaħtar kummissarju tal-Pulizija u l-Kap tal-Armata.
Sors: newsbook.com.mt