Il-maġġoranza assoluta tan-nies jemmnu f’Alla … kwart ta’ dawk bejn is-16 u l-25 sena jgħidu li ma jemmnux fih

Fil-Palazz Verdala, tħabbru r-riżultati tat-tielet stħarriġ xjentifiku dwar l-istat tan-nazzjon mill-istatistiku Dr Vincent Marmarà. Dan l-istudju jikkonsisti f’kampjun ta’ 1,064 persuna minn 16-il sena ‘l fuq. Il-margin of error huwa ta’ +/-3%.

Dr Marmarà spjega li kull sena n-nies qed jippjanaw inqas il-ħajja tagħhom u jgħixu aktar ġurnata b’ġurnata. Dawk li jħallsu l-ogħla taxxa fuq id-dħul, huma dak li jippjanaw ħajjithom l-aktar.

F’dak li jirrigwadja r-reliġjon, għalkemm kull sena qed ikun irreġistrat tnaqqis marġinali, il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ qalu li huma jemmnu f’Alla (88.5%). Kienu biss 6.6% tan-nies li qalu li ma jemmnux f’Alla. Filwaqt li 4.9% tan-nies qalu li ma jafux. Kwart ta’ dawk li għandhom bejn is-16 u l-25 sena qalu li huma ma jemmnux f’Alla.

Akar minn 60% ta’ dawk li wieġbu qalu li r-reliġjon hija importanti f’ħajjithom (61.4%). Għal ftit aktar minn kwart tan-nies, ir-reliġjon mhix daqshekk importanti (26%). Filwaqt li għal ftit inqas minn 10%, ir-reliġjon mhi importanti xejn f’ħajjithom. Met mqabbla mal-aħħar tliet snin, ir-riżultati huma simili ħafna.

Kważi nofs dawk li wieġbu għall-istħarriġ fl-2023 qalu li jikkunsidraw ħafna r-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin (49%, żieda żgħira meta mqabbel mal-2022). Ftit inqas minn 30% tan-nies ma jikkunsidrawx daqstant ir-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin (29.5%). Filwaqt li 16.2% tan-nies assolutament ma jikkunsidrawx ir-reliġjon meta jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li huwa tajjeb jew ħażin.

Ta’ min jinnota li kull sena qed ikun hemm żieda f’dawk li qalu li huma jħossuhom jagħmlu parti l-aktar mill-Ewropa (11.2% fl-2021 vs 20.6% fl-2022 vs 25.3% fl-2023). L-avvenimenti li qed jiġru madwarna, speċjalment il-gwerra fl-Ukrajna jistgħu jkunu l-kawża għalfejn in-nies qed iħossuhom aktar parti mill-Ewropa. Iż-żgħażagħ ta’ bejn 16 u 25 sena huma l-inqas li jqisu ruħhom bħala abitanti tar-raħal jew belt fejn joqogħdu (8.5%). L-Għawdxin huma l-aktar li jqisu ruħhom bħala abitanti tar-raħal jew belt fejn joqogħdu (35.8%).

Il-maġġoranza tal-Maltin li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li huma ma jixtiqux li kieku twieldu f’pajjiż ieħor (74.8%). Kienu 18.5% tan-nies li qalu li huma jixtiequ li kieku twieldu f’pajjiż ieħor.

Il-ftuħ tal-konferenza sar mill-President ta’ Malta George Vella li fakkar illi dan l-istudju twettaq mill-poplu għall-poplu, għaliex l-analiżi se ssir dwar dak li wieġeb il-poplu stess u r-rakkomandazzjonijiet għandhom isiru dejjem bl-għan ewlieni li jkunu ta’ ġid għall-poplu: “Is-sabiħ ta’ din l-inizjattiva huwa r-risposti ta’ dak li qegħdin infittxu” u li “l-kelliem prinċipali hu l-poplu li sar is-sondaġġ fuqu”.

 

Sors: https://talk.mt/il-maggoranza-assoluta-tan-nies-jemmnu-falla-kwart-ta-dawk-bejn-is-16-u-l-25-sena-jghidu-li-ma-jemmnux-fih/

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet