81% tal-Maltin iħossuhom parti minn middle-class – Rapport ta’ Marmara’ fil-Konferenza l-Istat tan-Nazzjon

Fi kliem ieħor iħossuhom parti mill-middle-class.

Dan ħareġ minn studju li għamel l-istatistiku Dr Vincent Marmarà għall-Uffiċċju tal-President, li organizza r-raba’ edizzjoni tal-Konferenza Nazzjonali, l-Istat tan-Nazzjon.

Għal mod kif tħoss il-livell t’għajxien tiegħek, 80.6% wieġbu li għandhom livell medju ta’ għajxien, żieda ta’ kważi 2% fuq sena ilu, filwaqt li 12.2% qalu li għandhom livell ogħla mill-medja.

Dan fisser żieda minima fuq sena ilu.

7.2% qalu li għandhom livell t’għajxien taħt il-medja.

Fl-istudju, li sar b’kampjun ta’ fuq elf persuna fil-perjodu tal-kampanja elettorali li għaddiet, wera wkoll żieda ta’ kważi 6.5% tal-Maltin li jħossu li l-qagħda tagħhom se tkun aħjar sena oħra.

Fil-fatt dawn telgħu għal 45.5% minn 39.1% is-sena l-oħra.

Maż-żewġ terzi tal-Maltin qalu li huma kuntenti u 70% tal-Maltin iħossu li rnexxew f’ħajjithom.

Kien hemm ukoll żieda fuq sena ilu fir-rata ta’ Maltin li jħossu li l-qagħda finanzjarja hi aħjar.

Hawnhekk kien hawn titjib ta’ 2.5%, minn 26.7% għal 29.2%.

Kważi 71% tal-Maltin qalu li ma jixtiequx li twieldu f’pajjiż ieħor filwaqt li 25% wieġbu iva.

L-istudju staqsa wkoll dwar temi oħra.

Hawn ħarġet li l-familja tibqa’ l-aktar punt ta’ referenza għan-nies, b’aktar minn tliet kwarti jgħidu li jagħmlu għażliet importanti f’ħajjithom wara li jitkellmu mal-familja.

Il-familja hi meqjusa minn 85% tal-Maltin li minnha jiġu mgħallma l-aktar ir-rispett u l-valuri.

Dwar ir-reliġjon, żdiedet b’4.4% ir-rata ta’ dawk li wieġbu li mhu importanti xejn ir-reliġjon f’deċiżjonijiet li jieħu f’ħajtu.

Il-lingwa Maltija baqgħet l-iktar lingwa primarja għal 71.3%, filwaqt li kemm il-Malti u l-Ingliż huma meqjusa bħala ż-żewġ lingwi primarji minn aktar minn 20%.

Dwar l-importanza tal-politika fil-ħajja tan-nies, ir-riżultati kienu aktar bilanċjati, bi kważi terz kull wieħed iwieġbu li l-politika hi importanti ħafna jew insomma jew lanqas xejn, rispettivament.

Aktar minn 30% wieġbu li mhux dejjem ivvutaw għall-istess partit fl-elezzjonijiet.

Mat-tliet kwarti ta’ dawk li pparteċipaw fl-istudju qalu li l-midja tirrapporta jew insomma jew lanqas xejn mis-suġġetti li jikkonċernaw lin-nies.

It-televiżjoni huwa l-aktar sors segwit għall-aħbarijiet segwit mil-links tal-portals tal-aħbarijiet fuq facebook.

87% qalu wkoll li dak li jiġri barra minn Malta jaffettwa iktar lil pajjiżna filwaqt li meta mistoqsija dwar il-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna, l-akbar ammont ta’ dawk li wieġbu qalu li l-ħtieġa ta’ dawn il-ħaddiema hi f’livell medju.

Għall-Maltin ukoll, l-aktar setturi importanti biex l-ekonomija tkompli tikber huma t-turiżmu, is-settur tal-ħwienet u r-ristoranti u s-servizzi finanzjarji.

Sors: https://one.com.mt/81-tal-maltin-ihossuhom-parti-minn-middle-class-rapport-ta-marmara-fil-konferenza-l-istat-tan-nazzjon/

Written by

The author didnt add any Information to his profile yet