Għal ħafna nies, il-bżonn u dak li jixtiequ mhumiex jaqblu. Il-poplu ħosbien u mifxul. 35.2% jaħsbu li l-barranin mhumiex is-soluzzjoni, imma għall-poplu t-turiżmu huwa l-aktar settur importanti biex l-ekonomija tagħna tkompli tikber – settur li hu dipendenti fuq il-barranin.
Dan ħareġ mill-istħarriġ li sar mill-Professur Vincent Marmarà bħala parti mill-konferenza “L-Istat tan-Nazzjon” li tlaqqgħet dalgħodu fil-Palazz Verdala.
Meta ppreżenta l-konklużjonijiet tas-survey li għamel, Marmarà qal li f’din l-aħħar sena n-nies qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom marret għall-aħjar. Imma fl-istess waqt qed tidher żieda ta’ dawk li qed jgħidu li jixtiequ twieldu u trabbew f’pajjiż ieħor.
“In-nies iħossu li finanzjarjament huma aħjar, imma issa qed jistennew xi ħaġa oħra u differenti minn dan il-pajjiż. L-aspettattivi tagħhom qed jinbidlu. X’inhi l-ħolma li jmiss li għandhom in-nies? Imma, ftakar ħaga oħra importanti wkoll, importanti li ma tmissx il-but tal-poplu għax ma tkunx popolari elettoralment.”
Waqt din il-konferenza, Vince Marmarà stqarr li aktar minn terz tal-poplu mhux komdu bit-taħlit tal-kulturi flimkien, terz ieħor tal-poplu huwa indeċiż dwar it-taħlit tal-kulturi, jew forsi aħjar ngħidu skont liema kultura lest li jitħallat magħha, u inqas minn terz ieħor biss komdu bit-taħlit tal-kulturi flimkien.
Source: https://netnews.com.mt/2024/06/20/l-istat-tan-nazzjon-in-nies-qed-jistennew-xi-haga-differenti-minn-dan-il-pajjiz/